Wettaq l-obbligi tiegħek wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea tħejji abbozz ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi l-opinjonijiet mill-ECHA. Wara l-abbozz ta’ deċiżjoni, huwa meħtieġ minimu ta’ tliet xhur għall-vot fil-Kumitat REACH u l-proċedura ta’ adozzjoni sussegwenti, inklużi traduzzjonijiet, fil-Kummissjoni. Għalhekk il-proċess kollu tat-teħid tad-deċiżjonijiet normalment jieħu aktar minn sitt xhur.

Obbligi wara li tkun ingħatat awtorizzazzjoni

Jekk l-awtorizzazzjoni tingħata mill-Kummissjoni Ewropea, din tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet deskritti fir-Rapport ta’ Sigurtà Kimika sottomess fl-applikazzjoni. Id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni tista’ tistipula kundizzjonijiet addizzjonali. Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jkompli bl-isforzi tiegħu biex isib alternattivi aktar siguri wara li jirċievi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Id-detenturi tal-awtorizzazzjoni

Id-detenturi tal-awtorizzazzjoni għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tad-deċiżjoni. Id-detenturi tal-awtorizzazzjoni upstream, jiġifieri l-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentant uniċi, għandhom jinkludu n-numru tal-awtorizzazzjoni fuq it-tikketta qabel ma jqiegħdu s-sustanza jew it-taħlita li jkun fiha s-sustanza fis-suq. Id-detenturi tal-awtorizzazzjoni upstream iridu jaġġornaw ukoll l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà (SDS).

Utenti downstream koperti mill-awtorizzazzjoni ta’ attur upstream

L-utenti downstream ta’ sustanza tal-Anness XIV koperti mill-awtorizzazzjoni ta’ attur upstream iridu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tad-deċiżjoni u jgħarrfu lill-ECHA l-użu tagħhom tas-sustanza fi żmien tliet xhur mill-ewwel provvista tas-sustanza. L-ECHA żżomm reġistru ta’ dawn in-notifiki, tagħtihom lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u tippubblika sommarji tan-notifiki fuq is-sit web tagħha. L-utenti downstream għandhom ukoll iżommu kuntatt mad-detenturi tal-awtorizzazzjoni u l-fornituri u jipprovduhom bl-informazzjoni meħtieġa għal rapport ta’ rieżami possibbli. Jekk l-utenti downstream ibiegħu s-sustanza aktar ’l isfel fil-katina tal-provvista, jew waħedha (wara l-imballaġġ mill-ġdid) jew f’taħlita, huma jridu jgħaddu wkoll l-informazzjoni dwar l-awtorizzazzjoni (fl-SDS u t-tikketta) lill-klijenti tagħhom.